Darba kien hemm iljunfant li ried isir fotografu. Tgħidx kemm kienu jidħku ħbiebu jisimgħuh jgħid hekk. ‘’Mela jeżistu kameras għall-iljunfanti?’’ jew ‘’Ħela ta’ żmien għax m’hawnx ritratti x’tieħu.’’
Imma hu ma qatax qalbu. Beda jiġbor biċċiet tal-ħadid u affarijiet oħrajn minn hawn u minn hemm u għamel speċi ta’ kamera. Kellu jiddisinja kollox hu, mill-buttuna li tagħfas biex jittieħed ir-ritratt u li kellu jagħfas bit-tromba tiegħu, sal-lenti li riedet tkun adattata għal għajnejh. Meta lesta din l-imbierka kamera, fl-aħħar wasal biex jieħu l-ewwel ritratti. Imma dil-kamera kienet tant kbira, enormi u stramba. Kienet qisha maskra ridikola f’wiċċu. Tant kienu jidħku sħabu li kienu jarawh biha, li beda jaħseb biex jabbanduna l-ħolma tiegħu. Barra minn hekk, qisu dawk li qalulu li m’hemmx ritratti x’tiġbed madwaru, kellhom raġun. Imma x’ġara? Id-dehra ta’ iljunfant b’kamera kienet tant għoġbithom li l-annimali kollha bdew jersqu lejh. U ħa ftit ritratti tagħhom tassew interessanti. Fir-ritratti tiegħu kollha kienu jidhru ferħanin, anke r-rinoċeronte.
U b’hekk sar il-fotografu uffiċċjali tal-ġungla u għajn ta’ ferħ għall-abitanti kollha tal-ġungla. Il-ħolma tiegħu seħħet aħjar milli basar hu. L-iljunfant baqa’ jipprova sakemm irnexxielu. Inti tibqa’ tipprova sakemm jirnexxilek jew taqta’ qalbek mal-ewwel intopp?
Tislijiet,
Doreen Aquilina
Marie-Claire Sammut
(Għalliema tal-PSCD)