Kien hemm siġra l-ġmiel tagħha. Iżda jum fost l-oħrajn l-għeruq bdew igergrulha: “Mhux sew li nibqgħu għeruq għal dejjem! Il-bnedmin jgħaddu jħarsu lejk, jammirawk u jistkennu fid-dell tiegħek, iżda ħadd minnhom ma jagħti kasna. Qisna ma ngħoddux. Irridu nkunu siġra bħalek bil-friegħi, bil-weraq u l-frott.” Is-siġra wieġbet: “Intom ilkoll parti mis-siġra. Mingħajrkom jien ma nistax nikber, nitqawwa u nagħti l-ħajja.”
Kif semgħu dan it-tgergir, il-friegħi riedu jsemmgħu tagħhom ukoll u qalu lis-siġra: “Ma rridux nibqgħu il-friegħi. In-nies jitħaddtu fuq iz-zokk u jfittxu l-fjuri u l-frott. Qatt ma stennejna li nkunu daqshekk imwarrbin. Irridu nkunu siġra bħalek.” U s-siġra tenniet: “Għalfejn tħabblu raskom u ttertqu qalbkom li n-nies isemmu aktar lill-oħrajn milli lilkom. Mingħajr il-friegħi, is-siġra ma jkollhiex weraq, fjuri u frott. Ilkoll għandna bżonn ta’ xulxin. Aħna siġra waħda.”
Anki l-fjuri żiedu jgħidu tagħhom: “ U aħna… kulħadd iqaċċat fina! Qisna neżistu biss għat-tbatija! Ma rridux inkunu l-fjuri tiegħek. Irridu ngħixu għal rasna.” “Intom l-isbaħ fost is-siġra kollha”, wieġbet is-siġra b’qalbha maqsuma. “U għax l-isbaħ, l-aktar li tbatu fostna. Imma s-siġra qed tbati magħkom. Aħna ħaġa waħda.”
U jien, kif inġib ruħi meta ma nħossnix importanti jew nara wisq difetti… naqta’ għal rasi u nwarrab jew nagħmel l-almu tiegħi biex nirranġa l-affarijiet? X’qed nagħmel biex ngħaqqad is-siġra fil-klikka, mal-kollegi, fl-organizzazzjoni li nagħmel parti minnha, fil-komunita’ tar-raħal, fil-familja?
Tislijiet,
Doreen Aquilina
Marie-Claire Sammut
(Għalliema tal-PSCD)